Mill-Avventuri ta’ Emilja: Mawra sa Wied il-Qlejgħa

Mill-Avventuri ta’ Emilja: Mawra sa Wied il-Qlejgħa

“Qed nisma’ sew? Dan it-telefon qed idoqq!”

Dlonk qomt mis-sodda u bħall-leħħa ta’ berqa tlaqt niġri b’kemm kelli saħħa biex nirrispondi, għax kont naf li n-nanna Lina kellha ċempilli. Ġimgħa ta’ tagħlim l-iskola tarat rih, u għalhekk is-Sibt seta’ jfisser ħaġa waħda: avventura ġdida flimkien man-nanna Lina!

“Emilja, ilbes l-iktar żarbun komdu għax illum se mmorru mixja speċjali!” qaltli b’entużjażmu n-nanna.

“Fejn se mmorru, nann, f’din il-għodwa xemxija u sabiħa?” staqsejtha, jien u naqbeż bil-ferħ.

“Il-post magħruf bħala Chadwick Lakes, u bil-Malti jissejjaħ Wied il-Qlejgħa. Mimli natura u fih diversità ta’ flora u fawna unika tagħna! U taf xiex? Missierek Ġorġ ġej magħna!” wegbitni.

Ċarratt tbissima kbira fuq fommi. Qatt ma kont mort qabel imma smajt ħafna affarijiet sbieħ dwar il-post, anke mill-għalliema. Ilma jġelġel b’ritmu ħlejju li jpaxxi l-widna, siġar imdaqqsa u għoljin jilħqu s-sema ikħal nieqes, għasafar ta’ kull lewn jallegraw bit-tisfir u l-għana tagħhom, jistidnuk tgawdi d-dinja tagħhom, u żrinġijiet żgħar jilagħbu moħba waqt li jistrieħu fil-ħaxix. Ma stajtx nistenna aktar!

Irkibna b’ħġarna fil-karozza ta’ missieri u rhejna għal għonq it-triq. Bdejt naħseb kif se nxarrab saqajja fl-ilma frisk, ngħaddi minn fuq il-pontijiet żgħar tal-injam u niġri fil-mogħdijiet ta’ Wied il-Qlejgħa.

Iżda kif wasalna ħdejn iċ-Ċadwick Lakes rajt li missieri nfixel kemxejn u deher ftit ħosbien.

“Fejn se nipparkjaw?” gerger b’wiċċu mgħarres. “Se jkollna nimxu ħafna għax ninsabu ftit ’il bogħod minn Wied il-Qlejgħa!”

“Uuu, Ġorġ!” qaltlu n-nanna, ixxengel rasha minn naħa għall-oħra. “Għandek par saqajn u ma tridx tużahom?”

Bdejt nidħak. Ilmaħt lil missieri jieħu nifs qawwi ‘l ġewwa, imma fil-pront tbissem.

“Tajjeb! Tajjeb! Ejjew nibdew il-mixja.”

Ħriġna mill-karozza u bdejna mexjin tul il-mogħdija. Ix-xemx tisreġ bil-qawwa, arja friska dieħla fl-imnifsejn, u s-siġar jixxenglu bil-mod, qishom qed jgħidu xi sigriet lil xulxin. Fniek jiġru minn kantuniera għal oħra, iħarsu lejna ftit sekondi u jaħarbu mill-ewwel!

“Kont taf, Emilja, li dal-post inbena biex jiġbor l-ilma tax-xita?” qaltli n-nanna, waqt li ppuntat subagħha lejn nixxiegħa tgelgel fil-viċin. “L-ilma kien jinżamm hawn biex jgħin lill-bdiewa jsaqqu l-għelieqi u jipprovdulna l-ħaxix u l-frott li nieklu.”

“Kemm kienu bravi! Jiġifieri dan qisu banju kbir bl-ilma għan-natura?” weġibt, b’għajnejja jleqqu.

In-nanna Lina kienet qed titbissem.

“Iva, Emilja, simili ħafna! U tabilħaqq dal-post hu d-dar ta’ ħafna annimali, bħall-qanfud, il-gremxula ta’ Malta u ż-żrinġ ikkulurit, li hu l-uniku żrinġ li nsibu f’Malta u Għawdex kollha. Hemm ukoll diversi għasafar, bħall-bufula sewda, il-pitirross u ż-żakak abjad. U jekk tħares mill-viċin fuq il-petali tal-fjuri jaf tilmaħ xi nannakola!”

“Aħjar ma nbeżżgħuhomx u nħalluhom jistrieħu!” komplejt ngħid lin-nanna Lina, jien u nimxi fuq ponot subgħajja.

Missieri, li kien qed jisma’, ħares madwaru. “Tassew post kwiet u sabiħ,” ammetta. “Qabel konna ngħaddu bil-karozza u ma napprezzawx il-ġmiel tiegħu.”

“Għalhekk importanti li nipproteġu postijiet bħal dawn,” weġbitu bla tlaqliq in-nanna, “u nħallu n-nies igawduh bla ma jkun hawn karozzi. Tagħżel tridx timxi jew iddur bir-rota.”

Ma domniex biex wasalna f’post fejn kien hemm ħafna ilma, u stagħġibt. Papri jgħumu bil-kwiet, tfal jidħku waqt li jilagħbu, u l-ilma jleqq fid-dawl tax-xemx. Missieri qagħad bilqiegħda fuq ġebla u fetaħ dirgħajh.

“Hawn ħafna aħjar minn meta nkun bil-karozza!” qal bit-tbissima.

Kemm qbiżt minn ġebla għal oħra u għaddejt minn bejn is-siġar tal-ħarrub!

“Kemm qed nagħmel memorji sbieħ!” għajjat bil-ferħ.

Qattajna l-ġurnata nesploraw, nieħdu r-ritratti u nieklu t-tuffieħ li ġibna magħna. U ħassejtni kuntenta li tgħallimt xi ħaġa importanti.