Mill-Avventuri ta’ Emilja: Jum il-Mixi u r-Rota

Mill-Avventuri ta’ Emilja: Jum il-Mixi u r-Rota

Ħbieb, jekk taħsbu li l-iskola tibda biss meta tidħol fil-klassi trid ngħidilkom sigriet ċkejken bejnietna… Il-ġurnata tiegħi l-iskola bdiet minn qabel, minn meta tlaqt mid-dar filgħodu!

Wasal l-aħħar jum tal-ġimgħa u bħas-soltu qomt kmieni ħafna, ħadt il-kolazzjon u bdejt inħejji ruħi għall-iskola. Imma mhux għax kont se nitla’ fil-karozza flimkien mal-papa Ġorġ.

Le, le! Illum kienet ġurnata speċjali, għax kont se mmur l-iskola u nżanzan ir-rota l-ġdida tiegħi, u miegħi kellha tiġi n-nanna Lina, timxi ħdejja.

Kont eċitata daqsli kieku kont se mmur il-bandli biex nilgħab u nitbandal! Tlaqt niġri lejn is-salott, fejn in-nanna kienet diġà liebsa ġakketta safra tixgħel bħall-lellux. Fidejha kellha faxxa tal-idejn li kienet tixgħel isfar daqs ir-raġġi sbieħ tax-xemx, u minnufih tatniha lili. B’ferħ u entużjażmu liema bħalu lbist l-elmu tas-sigurtà f’rasi u l-faxxa tal-idejn.

Lesta, Emilja? Tinsiex tilbes il-faxxa f’idejk qabel ma mmorru, għax dik importanti ħafna fis-sewqan tar-roti!” qaltli n-nanna b’dik il-vuċi ħelwa u bit-ton ġentili tagħha.

Daqshekk, Nann! Kemm jien eċitata!” weġibtha fil-pront, jien u tielgħa fuq ir-rota l-ġdida tiegħi. “Imma din il-faxxa għal xiex inhi eżatt, nann?” staqsejtha bla tlaqliq.

Emilja, dik importanti ħafna għax il-kulur tagħha jixgħel, biex kull min ikun qed juża t-triq, kemm min ikun miexi kif ukoll min ikun qed isuq il-karozza u anke roti oħra, ikun jista’ jarak sew, u dan għas-sigurtà ta’ kulħadd!” tarrfitli n-nanna Lina, bi tbissima kbira fuq xofftejha.

Niftakar lill-għalliema tagħna dejjem tgħidilna: “Meta ssuq ir-rota trid toqgħod attent u tħares ‘il quddiem, tagħmel sinjal b’idejk meta trid iddur u tkun taf x’hemm madwarek il-ħin kollu.” U jien hekk għamilt, tafux!

Kont taf, Emilja,” qaltli f’daqqa waqt li konna għaddejjin biswit il-Ġnien tal-Komunità, “li b’dan li qed nagħmlu qed ngħinu lilna nfusna, lil ħaddieħor u lil pajjiżna wkoll?”