Nużaw trasport aktar nadif u sostenibbli
Il-mobbiltà sostenibbli hija fundamentali għat-tisħiħ tal-kwalità tal-ħajja u l-protezzjoni tal-ambjent, speċjalment f’pajjiż żgħir bħal Malta. Il-konġestjoni tat-traffiku u t-tniġġis huma żewġ elementi li jmorru kompletament kontra l-prinċipji ta’ mobbiltà sostenibbli, allura huwa kruċjali li niffukaw fuq mezzi alternattivi ta’ trasport li huma aktar ħodor u effiċjenti. Transport Malta għandha rwol importanti f’din il-missjoni u qed tippromwovi bis-sħiħ l-idea ta’ mobbiltà sostenibbli lil komunitajiet kollha f’pajjiżna.
Matul Freshers’ Week fl-Università ta’ Malta u anke fl-MCAST, Transport Malta kienet preżenti biex twassal dan il-messaġġ liż-żgħażagħ. L-istudenti huma fulkru ċentrali għall-preżent u għall-futur ta’ pajjiżna, u għalhekk huwa essenzjali li jiġu nfurmati dwar l-importanza li nużaw mezzi ta’ trasport li huma mhux biss sostenibbli, iżda li jħallu impatt pożittiv fuq il-kwalità ta’ ħajja li ngħixu, u dan għall-aqwa interess tal-futur tagħna lkoll. Ir-rispons waqt dawn l-attivitajiet kien wieħed pożittiv ħafna, b’ħafna żgħażagħ li qed jagħrfu l-benefiċċji tal-użu ta’ mezzi alternattivi ta’ trasport, bħall-mixi, iċ-ċikliżmu, jew il-karozzi elettriċi. Din il-kuxjenza fost il-ġenerazzjoni żagħżugħa hija essenzjali biex niżguraw li l-pajjiż jimxi lejn futur aktar sostenibbli.
Transport Malta qed taħdem bi sħiħ fuq fronti differenti, b’kollaborazzjoni ma’ NGOs, Kunsilli Lokali, u diversi stakeholders biex toħloq inizjattivi li jindirizzaw il-ħtiġijiet tal-komunitajiet f’Malta. Iżda l-ħidma tagħna ma tiqafx hemm. Din il-kollaborazzjoni tidher biċ-ċar permezz tal-inizjattiva European Mobility Week, fejn Transport Malta tibqa’ tħeġġeġ dejjem aktar organizzazzjonijiet Governattivi u non-Governattivi biex jixprunaw u jkunu parti mill-bidla lejn din id-direzzjoni permezz ta’ għoti ta’ fondi biex jiżviluppaw ideat konkreti li jibbenefikaw minnhom ir-residenti fil-lokalitajiet tagħhom. Ideat innovattivi li jkomplu jagħtu l-opportunità lill-komunitajiet jipparteċipaw fl-isforzi li nibdlu
L-Awtorità qed tipparteċipa ukoll f’attivitajiet fl-iskejjel madwar Malta u Għawdex biex twassal il-messaġġ tat-trasport sostenibbli anke lil dawk ta’ età ħafna iżgħar. Barra minn hekk, qed nikkollaboraw ukoll ma’ operaturi u kumpaniji privati, kif ukoll ma’ startups li jaspiraw li jinvestu f’ideat innovattivi fis-settur tat-trasport f’pajjiżna, dan anke hekk kif Transport Malta kienet ukoll preżenti għall-festival Startup tiltaqa’ ma’ ħafna operaturi bl-għan li jinstabu soluzzjonijiet biex jiġu mwettqa u attwati. Din il-livell ta’ ħidma tagħti spazju għal soluzzjonijiet friski u prattiċi li jistgħu jindirizzaw l-isfidi ta’ Malta b’mod kreattiv.
Transport Malta tibqa’ kommessa li tkompli taħdem fuq inizjattivi li jsaħħu l-kuxjenza dwar mobbiltà sostenibbli u joffru soluzzjonijiet reali għat-traffiku u t-tniġġis. Din il-ħidma hija parti minn impenn akbar biex niżguraw li l-futur tat-trasport f’Malta jkun wieħed sostenibbli, ħadrani, u adattat għall-bżonnijiet tal-ġenerazzjonijiet futuri.