L-Użu tar-Rota u il-Mixi
Iż-żmien itir bħar-riħ! Hekk kif jintemmu wkoll il-vaganzi tas-Sajf, issa ninsabu ħerqana biex nibdew sena skolastika oħra.
Permezz ta’ dawn il-paġni, ser nibda naqsam magħkom informazzjoni interessanti li tajjeb li nkunu aġġornati magħha. Ħafna minnkom issa sirtu tafuni sew, kemm minħabba l-kitba f’din ir-rivista, kif ukoll għaliex iltqgħajna waqt iż-żjarat li nagħmel sikwit ġewwa l-iskejjel.
Suġġett li huwa għal qalbi mmens huwa dak li nsejjħulu trasport sostenibbli. Imma allura x’nifhmu b’din il-kelma?
Inkunu qed nirreferu għal mezzi ta’ trasport u vjaġġar alternattiv li ma jħallux impatt negattiv fuq l-ambjent ta’ madwarna, għaliex dawn il-mezzi huma aktar nodfa u ma jagħmlux użu minn fjuwils jew kimiċi li kapaċi jkunu ta’ detriment kemm għall-ambjent kif ukoll għall-bijodiversità tagħna. B’hekk inkunu qed inħarsu u nieħdu ħsieb il-futur ta’ kull wieħed u waħda minna u b’responsabbiltà nkunu qed ngħinu lill-ambjent ta’ madwarna jisbieħ u jikber aktar.Fost l-eżempji ta’ tipi ta’ trasport sostenibbli huma l-użu tar-rota kif ukoll il-mixi. Allura, dawn għaliex huma importanti?
Tabilħaqq l-użu tar-rota u il-mixi jgħinuna wkoll sabiex innaqsu it-traffiku u l-konġestjoni fit-toroq tagħna, u fuq kollox ngħinu lid-dinja u l-ambjent tagħna jieħu n-nifs bżonnjuż, u neliminaw emissjonijiet ta’ gassijiet serra fl-atmosfera tagħna.
Tgħiduli, imma jekk aħna t-tfal ma nsuqux, kif ser inkun qed nagħmel din id-differenza? Iva, intom ukoll parti mill-bidla li għandna bżonn nagħmlu flimkien! Nistgħu ngħinu billi nagħzlu li naqbdu r-rota jew immorru bil-mixi sabiex nagħmlu xi qadja fil-lokalità tagħna, minflok nistennew lill-ġenituri biex jeħduna bil-karozza. Hekk isservu wkoll ta’ eżempju tajjeb lill-ġenituri u tfakkruhom, li fejn nistgħu għandna dejjem nużaw mezzi alternattivi tat-trasport. Fost benefiċċji oħra relatati mal-użu tar-rota u il-mixi nsibu dawk fiżiċi u psikoloġiċi, u nżommu f’moħħna li fl-istess ħin, qed ngħinu favur ambjent aktar nadif. Dan kollu jkun qed jikkontribwixxu lejn stil ta’ ħajja aħjar. Fattur importanti li għandna dejjem inżommu f’moħħna huwa li meta qed nużaw ir-rota għandna dejjem nużaw il-‘helmet’, ‘knee pads’ u ‘arm pads’ għal raġunijiet ta’ sigurtà, waqt li nsegwu d-direzzjoni tat-traffiku u nobdu s-sinjali tat-traffiku. Huwa essenzjali li wieħed iżomm f’moħħu li kull mezz alternattiv ta’ trasport, minbarra l-mixi, jeħtieġ li jsegwi r-regoli tat-traffiku biex b’hekk naċċertaw li nkunu aktar siguri fit-toroq.
L-ivjaġġar permezz tar-rota jew il-mixi mhuwiex fenomenu ġdid, anzi, hija prassi komuni ħafna fi bliet kbar bħal Amsterdam, Pariġi, Ruma u New York. Għalhekk huwa tajjeb ukoll li Malta, bħala gżira żgħira, nisfruttaw mill-vantaġġi li għandna fuq pajjiżi oħra, fejn id-distanzi huma ħafna itwal u l-kundizzjonijiet tat-temp huma ħafna aktar iebsa. Bħalissa, mill-Kunsilli Lokali, qed jiġu offruti wkoll inċentivi biex jinħolqu spazji miftuħa, fejn dawk li jivvjaġġaw ikunu jistgħu jimxu liberament fil-pjazez tagħhom f’ħinijiet partikolari, bħal fi tmiem il-ġimgħa jew fil-festi pubbliċi.
Bħala l-awtorità responsabbli, Transport Malta wkoll għandha rwol importanti fejn jidħol l-użu tar-rota u l-mixi. Dan jirrifletti fi proġett li ġie imniedi s-sena l-oħra, b’kollaborazzjoni ma’ ‘EIT Urban Mobility’, il-Kulleġġ San Injazju Skola Primarja Siġġiewi minn Malta, Col-legi Sant Ramon Nonat – Barċellona ġewwa Spanja u Rigas 45 Vidusskola – Riga ġewwa il-Latvja. Grazzi għal dan il-proġett it-tfal tal-lokalità ġew imħeġġa li jmorru lejn u lura mill-iskola bil-mixi. F’din l-inizjattiva, apparti l-istudenti, l-amministrazzjoni tal-iskola, u l-ġenituri tagħhom, ħadu sehem ukoll il-Pulizija tal-Komunità, il-gwardjani lokali, bosta Kunsilli Lokali u anke membri diversi mill-komunità kollha. Għaldaqstant, nixtieq nuża din l-opportunità biex inħeġġeġ aktar skejjel jieħdu din l-inizjattiva matul din is-sena skolastika. Hija inizjattiva fejn il-komunità kollha tista’ tinvolvi ruħha biex tagħmel differenza.
Inizjattiva annwali oħra fid-djarju ta’ Transport Malta hija l-Ġimgħa Ewropea tal-Mobbiltà. Għall-ewwel darba din is-sena, l-iskejjel huma mħeġġa wkoll jipparteċipaw. Tnedew żewġ inizjattivi separati, waħda relatata ma’ ċikliżmu aktar sigur u l-oħra tiffoka fuq is-sigurtà fit-toroq għall-anzjani tagħna.
Nittama li dan l-artiklu kien interessanti u li nibbett fikom ħsieb sabiex nibdew nivvjaġġaw aktar bil-mixi u nużaw ir-rota sabiex nivvjaġġaw minn post għall-ieħor. Inħeġġiġkom ukoll iżżuru l-websajt tagħna futuremobility-gov-mt.preview-domain.com u tipparteċipaw fl-inizjattivi mħejjija minn diversi organizazzjonijiet u l-Kunsilli Lokali għall-Ġimgħa Ewropea tal-Mobbiltà filwaqt li tistgħu tagħmlu kuntatt magħna fuq [email protected]. Ejjew flimkien nagħmlu l-parti tagħna u nikkontribwixxu għal futur aktar sostenibbli u napprezzaw mezzi ta’ trasport alternattiv u aktar nadif.