Kif Malta qed tgħin vapuri kbar jużaw enerġija aktar nadifa
Kif Malta qed tgħin Vapuri Kbar jużaw enerġija aktar nadifa
Qatt rajt vapur kbir wieqaf u ankrat f’port? Dawn il-vapuri li jissejħu cruise-liners huma bħal bliet li jżommu f’wiċċ l-ilma. Għandhom kċejjen, ħafna dwal, u anke arja kundizzjonata! Iżda għandhom bżonn l-enerġija biex iżommu dan kollu jaħdem, anke meta ma jkunux qed jiċċaqalqu.
Normalment, il-vapuri jkollhom l-enerġija billi jħaddmu l-magni tagħhom, anke meta jkunu ankrati. Iżda dan jista’ joħloq ħafna duħħan u storbju, li mhux tajjeb għall-ambjent wisq aktar għan-nies li jgħixu fil-qrib. Għalhekk, Malta ħarġet b’idea għaqlija li tgħin lill-vapuri u lill-ambjent ta’ madwarna fl-istess ħin! Apparti minn hekk, qed tkompli tgħin lid-dinja f’użu ta’ mezzi aħjar u aktar nodfa ta’ enerġija li jipproteġu u jħarsu lin-natura u l-ibħra ta’ madwarna!
Sistema ta’ enerġija b’kapaċità ta’ Plug Kbir għall-bastimenti
Meta tiċċarġja t-tablet jew il-console tal-logħob tiegħek bħal xi playstation jew xbox, twaħħalha f’socket tad-dawl bl-użu ta’ plug mhux hekk? Saħansitra, anke pajjiżna bena sockets kbar speċjali fil-portijiet tagħna tal-Belt Valletta u fil-Port ta’ Marsaxlokk li jistgħu jagħmlu użu minnhom dawn il-vapuri kbar! Din is-sistema tissejjaħ Onshore Power Supply, li fil-qasir nirreferu għaliha bħala (OPS), u kif tagħtina x’nifhmu din il-kelma bil-lingwa Ingliża, hija sors ta’ enerġija li tingħata mix-xatt tal-Port u tforni lil vapur f’enerġija għall-magni tiegħu.
X’inhu l-proċess ta’ dan kollu?
- Meta bastiment jidħol fil-port, minflok iżomm il-magni tiegħu jaħdmu, jidħol isorġi fil-port u jwaħħal f’wieħed minn dawn is-sockets elettriċi kbar li hemm f’magni apposta tal-enerġija elettrika li jinsabu fil-port.
- Il-vapur imbagħad jieħu elettriku nadif mill-art biex iħaddem id-dawl, it-tagħmir u l-apparat abbord li jirrekjedi enerġija elettrika.
- Dan ifisser li l-vapur m’għandux għalfejn jaħraq fjuwil, u għaldaqstant jassigura li nkomplu nżommu arja nadifa fil-portijiet u l-madwar, u anke wkoll neliminaw l-istorbju u nħallu l-komunitajiet li jgħixu fil-viċin fil-kwiet.
Dan il-proċess għaliex huwa ta’ benefiċċju?
L-użu ta’ dawn is-sockets kbar tal-enerġija elettrika huma importanti għal diversi raġunijiet u f’ħafna modi:
- Kwalità ta’ arja aħjar: Il-bastimenti ma jagħmlux daqstant duħħan, għalhekk l-arja hija aktar friska u nadifa għalina lkoll.
- Baħar aktar nadif: Importanti wkoll li nieħdu ħsieb l-ekosistema tal-baħar tagħna, il-ħut u l-annimali kollha li jgħixu taħt il-baħar, għaliex dawn ukoll jgħinu f’ambjent aktar nadif għal kulħadd.
- Portijiet aktar kwieti: Mingħajr il-magni jaħdmu, ikun hemm ħafna aktar kwiet, li huwa ta’ benefiċċju għan-nies li jgħixu fil-qrib.
- Komunitajiet aktar b’saħħithom: Familji qrib il-port jistgħu jgawdu arja aktar nadifa u inqas storbju, u jgħixu ħajja aktar pjaċevoli matul il-ħin kollu tal-ġurnata.
Kemm-il vapur jistgħu jaqbdu ma’ din is-sistema tal-Onshore Power Supply?
Pajjiżna għandu 17-il punt minn dawn il-plugs u sockets kbar speċjali fl-akbar port tagħha, li huwa l-Port il-Kbir fil-Belt Valletta. Dan ifisser li l-port tant sabiħ tagħna, li huwa importanti ħafna kemm fl-Ewropa kif ukoll internazzjonalment, jagħti l-opportunità ta’ ħafna postijiet għall-vapuri biex iqabbdu! Ta’ min jgħid ukoll li s-saħħa tal-enerġija elettrika li l-Port il-Kbir tagħna jagħti, tiflaħ tingħata lil ħames vapuri mqabbdin f’daqqa fl-istess ħin! Dan jgħin lill-ambjent, għax inqas bastimenti li jidħlu fil-Port u jużaw l-ibħra ta’ madwarna ma jagħmlux storbju u lanqas joħorġu duħħan.
Malta u Għawdex aktar nodfa għal Kulħadd
Din is-sistema mhix biss importanti għal gżejjer tagħna, iżda hija ta’ importanza qawwija għad-dinja kollha! Bl-użu tas-sistema tal-OPS, Malta u Għawdex qed juru kif nistgħu nieħdu ħsieb id-dinja tagħna filwaqt li xorta ngħinu lill-vapuri jagħmlu xogħolhom. Forsi xi darba, il-portijiet madwar id-dinja kollha fil-pajjiżi kollha li jmissu mal-baħar, ikollhom dawn il-Plugs kbar ukoll!
Għaliex importanti?
Meta nsibu modi aktar intelliġenti u ideali biex ngħinu lill-ambjent tagħna, bħal enerġija nadifa lill-vapuri, inkunu qed ngħinu wkoll lid-Dinja ssir post aħjar. Arja aktar nadifa, postijiet aktar kwieti, u nies aktar ferħanin! Dan kollu jgħin biex nieħdu ħsieb li d-Dinja tagħna tibqa’ nadifa kemm issa, kif ukoll fil-futur!
Allura issa, meta id-darba li jmiss tara vapur kbir f’port, ibda aħseb daqsxejn, dwar kif l-enerġija elettrika u nadifa li tgħaddi minn dawn is-sockets kbar, jgħinu biex l-arja u l-ilma tagħna jkunu dejjem aktar nodfa!