Kif Malta qed tgħin vapuri kbar jużaw enerġija aktar nadifa

Kif Malta qed tgħin vapuri kbar jużaw enerġija aktar nadifa

Kif Malta qed tgħin Vapuri Kbar jużaw enerġija aktar nadifa
Qatt rajt vapur kbir wieqaf u ankrat f’port? Dawn il-vapuri li jissejħu cruise-liners huma bħal bliet li jżommu f’wiċċ l-ilma. Għandhom kċejjen, ħafna dwal, u anke arja kundizzjonata! Iżda għandhom bżonn l-enerġija biex iżommu dan kollu jaħdem, anke meta ma jkunux qed jiċċaqalqu.

Normalment, il-vapuri jkollhom l-enerġija billi jħaddmu l-magni tagħhom, anke meta jkunu ankrati. Iżda dan jista’ joħloq ħafna duħħan u storbju, li mhux tajjeb għall-ambjent wisq aktar għan-nies li jgħixu fil-qrib. Għalhekk, Malta ħarġet b’idea għaqlija li tgħin lill-vapuri u lill-ambjent ta’ madwarna fl-istess ħin! Apparti minn hekk, qed tkompli tgħin lid-dinja f’użu ta’ mezzi aħjar u aktar nodfa ta’ enerġija li jipproteġu u jħarsu lin-natura u l-ibħra ta’ madwarna!

Sistema ta’ enerġija b’kapaċità ta’ Plug Kbir għall-bastimenti
Meta tiċċarġja t-tablet jew il-console tal-logħob tiegħek bħal xi playstation jew xbox, twaħħalha f’socket tad-dawl bl-użu ta’ plug mhux hekk? Saħansitra, anke pajjiżna bena sockets kbar speċjali fil-portijiet tagħna tal-Belt Valletta u fil-Port ta’ Marsaxlokk li jistgħu jagħmlu użu minnhom dawn il-vapuri kbar! Din is-sistema tissejjaħ Onshore Power Supply, li fil-qasir nirreferu għaliha bħala (OPS), u kif tagħtina x’nifhmu din il-kelma bil-lingwa Ingliża, hija sors ta’ enerġija li tingħata mix-xatt tal-Port u tforni lil vapur f’enerġija għall-magni tiegħu.

X’inhu l-proċess ta’ dan kollu?

  • Meta bastiment jidħol fil-port, minflok iżomm il-magni tiegħu jaħdmu, jidħol isorġi fil-port u jwaħħal f’wieħed minn dawn is-sockets elettriċi kbar li hemm f’magni apposta tal-enerġija elettrika li jinsabu fil-port.
  • Il-vapur imbagħad jieħu elettriku nadif mill-art biex iħaddem id-dawl, it-tagħmir u l-apparat abbord li jirrekjedi enerġija elettrika.
  • Dan ifisser li l-vapur m’għandux għalfejn jaħraq fjuwil, u għaldaqstant jassigura li nkomplu nżommu arja nadifa fil-portijiet u l-madwar, u anke wkoll neliminaw l-istorbju u nħallu l-komunitajiet li jgħixu fil-viċin fil-kwiet.

Dan il-proċess għaliex huwa ta’ benefiċċju?
L-użu ta’ dawn is-sockets kbar tal-enerġija elettrika huma importanti għal diversi raġunijiet u f’ħafna modi:

  1. Kwalità ta’ arja aħjar: Il-bastimenti ma jagħmlux daqstant duħħan, għalhekk l-arja hija aktar friska u nadifa għalina lkoll.
  2. Baħar aktar nadif: Importanti wkoll li nieħdu ħsieb l-ekosistema tal-baħar tagħna, il-ħut u l-annimali kollha li jgħixu taħt il-baħar, għaliex dawn ukoll jgħinu f’ambjent aktar nadif għal kulħadd.
  3. Portijiet aktar kwieti: Mingħajr il-magni jaħdmu, ikun hemm ħafna aktar kwiet, li huwa ta’ benefiċċju għan-nies li jgħixu fil-qrib.
  4. Komunitajiet aktar b’saħħithom: Familji qrib il-port jistgħu jgawdu arja aktar nadifa u inqas storbju, u jgħixu ħajja aktar pjaċevoli matul il-ħin kollu tal-ġurnata.

Kemm-il vapur jistgħu jaqbdu ma’ din is-sistema tal-Onshore Power Supply?
Pajjiżna għandu 17-il punt minn dawn il-plugs u sockets kbar speċjali fl-akbar port tagħha, li huwa l-Port il-Kbir fil-Belt Valletta. Dan ifisser li l-port tant sabiħ tagħna, li huwa importanti ħafna kemm fl-Ewropa kif ukoll internazzjonalment, jagħti l-opportunità ta’ ħafna postijiet għall-vapuri biex iqabbdu! Ta’ min jgħid ukoll li s-saħħa tal-enerġija elettrika li l-Port il-Kbir tagħna jagħti, tiflaħ tingħata lil ħames vapuri mqabbdin f’daqqa fl-istess ħin! Dan jgħin lill-ambjent, għax inqas bastimenti li jidħlu fil-Port u jużaw l-ibħra ta’ madwarna ma jagħmlux storbju u lanqas joħorġu duħħan.

Malta u Għawdex aktar nodfa għal Kulħadd
Din is-sistema mhix biss importanti għal gżejjer tagħna, iżda hija ta’ importanza qawwija għad-dinja kollha! Bl-użu tas-sistema tal-OPS, Malta u Għawdex qed juru kif nistgħu nieħdu ħsieb id-dinja tagħna filwaqt li xorta ngħinu lill-vapuri jagħmlu xogħolhom. Forsi xi darba, il-portijiet madwar id-dinja kollha fil-pajjiżi kollha li jmissu mal-baħar, ikollhom dawn il-Plugs kbar ukoll!

Għaliex importanti?
Meta nsibu modi aktar intelliġenti u ideali biex ngħinu lill-ambjent tagħna, bħal enerġija nadifa lill-vapuri, inkunu qed ngħinu wkoll lid-Dinja ssir post aħjar. Arja aktar nadifa, postijiet aktar kwieti, u nies aktar ferħanin! Dan kollu jgħin biex nieħdu ħsieb li d-Dinja tagħna tibqa’ nadifa kemm issa, kif ukoll fil-futur!

Allura issa, meta id-darba li jmiss tara vapur kbir f’port, ibda aħseb daqsxejn, dwar kif l-enerġija elettrika u nadifa li tgħaddi minn dawn is-sockets kbar, jgħinu biex l-arja u l-ilma tagħna jkunu dejjem aktar nodfa!