Xi tfisser Multimodalità?

Xi tfisser Multimodalità?

Illum se nitkellmu dwar xi ħaġa importanti ħafna: it-trasport u kif dan jista’ jkun ta’ benefiċċju għall-ambjent! Aħna nużaw it-trasport kuljum biex niċċaqalqu minn post għal ieħor, kemm jekk sejrin l-iskola, naraw lil xi ħabib, jew morna xi vjaġġ. Imma tafu li hemm tipi differenti ta’ trasport? Ejja naraw xi jfissru dawn iż-żewġ kelmiet: multimodalità fit-trasport u bidla modali.

X’inhi l-multimodalità fit-trasport?
Għalkemm forsi tinstemà xi ftit kelma tqila, it-tifsira tagħha hija sempliċi mmens.

Allura, immaġinaw li qiegħdin tmorru għand in-nanna mal-ġenituri tagħkom, iżda n-nanna tgħix ‘il bogħod. Jekk tridu tibdew dan il-vjaġġ, forsi tibdew billi titilgħu fuq karozza tal-linja , imbagħad tibdlu u tieħdu dgħajsa, u fl-aħħar tirkbu fuq rota biex taslu s’għandha. Meta tuża diversi mezzi ta’ trasport bħal dawn, bħal karozza tal-linja, vapur, u rota – dan jissejjaħ multimodalità fit-trasport.

Fi kliem sempliċi, il-multimodalità tfisser li tuża tipi differenti ta’ trasport biex tasal fejn trid. Għaliex dan huwa utli? Immaġina li trid tmur post li karozza tal-linja ma tasalx sa ħdejh. Jekk ikollok vapur, jew rota fit-triq, tista’ tikkombina diversi tipi ta’ trasport biex tasal fejn trid mingħajr problemi! 

Multimodalità tista’ tgħin biex tnaqqas il-konġestjoni tat-traffiku għaliex in-nies mhumiex jużaw dejjem l-istess karozza biss. Għalhekk ikun hemm inqas karozzi, inqas traffiku, u inqas tniġġis fl-arja. Naqblu li aktar ideali dan?

X’inhi bidla modali?
Issa, ejja nitkellmu fuq bidla modali. Jekk tisma’ din il-kelma, tista’ taħseb li hija xi ħaġa diffiċli, imma vera faċli biex tifhmuha. Meta wieħed jibdel mod ta’ kif ikun qed jivvjaġġa, bħalma meta min ikun qed juża l-karozza tiegħu jibda juża karozza tal-linja jew isir iħobb jimxi jew jirkeb ir-rota, dan nsejħulu bidla modali.

Ħafna drabi, jsiru kampanji edukattivi biex in-nies jagħmlu din il-bidla għax jgħinu fit-titjieb tal-kwalità tal-arja, tnaqqas it-traffiku, u tagħmel it-toroq aktar siguri. Pereżempju, jistgħu jagħmlu kampanja biex in-nies jużaw iżjed ir-rotot tagħhom minflok is-sewqan tal-karozza personali. L-użu ta’ mezzi bħal rota, mixi, jew karozza tal-linja jista’ jgħin lil kulħadd jivvjaġġa aħjar u b’mod aktar sostenibbli.

Kif din taffettwa ħajjitna?
Dan jista’ jgħin lilna wkoll. Immaġina toroq fejn hemm inqas karozzi u aktar postijiet fejn nistgħu mmorru bil-mixi jew bir-rota b’mod sigur. Dan jista’ jagħmilha eħfef biex ingawdu minn ambjent aktar nadif! Inqas karozzi jfissru wkoll li l-arja tkun aktar nadifa għax ikun hawn inqas gassijiet mill-karozzi li jagħmlu l-arja maħmuġa.

Bidla modali tista’ tgħin ukoll lill-ambjent tagħna. Bl-użu ta’ karozzi elettriċi jew trasport pubbliku li juża enerġija nadifa, in-nies jistgħu jgħinu biex titnaqqas il-ħsara li nagħmlu lill-ambjent tagħna ta’ madwarna. Dan kollu jista’ jkun parti minn mod aħjar kif nikkuraw id-dinja tagħna. Bi sforz żgħir flimkien, nkunu qed ngħinu wkoll mhux biss lil Malta, iżda t-tfal u n-nies madwar id-dinja kollha!

It-trasport hu parti importanti ħafna minn ħajjitna. Kultant jista’ jkun hemm modi differenti kif naslu minn post għal ieħor, u tgħallimna li multimodalità tfisser li tuża diversi tipi ta’ trasport flimkien. Tgħallimna wkoll li bidla modali tfisser tibdel it-tip ta’ trasport li tuża – bħal min jgħaddi mill-karozza għal rota, tal-linja, jew mixi.

Dawn l-ideat jistgħu jgħinuna ngħixu f’dinja aktar nadifa, inqas traffikuża, u aktar sigura. Huwa tajjeb li naħsbu u ngħallmu lil ta’ madwarna, biex flimkien mal-ħbieb u l-familja nkomplu ngħinu għal dinja aktar nadifa u futur aħjar u sostenibbli!