Move Smart: Iż-Żgħażagħ bħala l-vuċi tal-Mobbiltà Sostenibbli
Il-mobbiltà sostenibbli hija aktar minn sempliċement titjib fis-servizzi tat-trasport. Tfisser li l-konnettività għandha tkun aċċessibbli, sigura u inklussiva, speċjalment għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin.
Transport Malta nediet inizjattiva ambizzjuża li tpoġġi ż-żgħażagħ fiċ-ċentru tad-diskussjoni dwar il-mobbiltà sostenibbli. F’dinja li qed tinbidel malajr u fejn it-trasport qed ikun sfida kontinwa għall-komunitajiet, dan il-proġett joffri opportunità unika biex iċ-ċittadini ta’ għada jkunu parti mill-bidla li l-pajjiż għandu bżonn illum.
Din il-kampanja kienet ukoll opportunità unika għall-istudenti tal-MCAST biex jaħdmu fuq kampanja reali, fejn setgħu juru t-talenti tagħhom f’oqsma bħall-komunikazzjoni, il-midja u l-produzzjoni awdjoviżiva. L-għan tagħna kien li noħolqu messaġġ minn żgħażagħ għal żgħażagħ. Stil ta’ komunikazzjoni li jindirizza b’mod dirett l-esperjenzi tagħhom, kemm bħala passiġġieri, sewwieqa jew ċiklisti.
Filwaqt li l-edukazzjoni u l-infurzar jibqgħu prijorità għall-Awtorità, nemmnu li l-aqwa forma ta’ komunikazzjoni dwar is-sigurtà fit-toroq hija dik li ġejja mill-istess ġenerazzjoni li qed tgħix dik ir-realtà. L-istudenti kellhom iċ-ċans jikkontribwixxu għal dan il-kapitlu importanti ta’ kampanja nazzjonali, fejn mhux biss ħolqu kontenut oriġinali, iżda ġew ukoll impenjati biex jagħtu xhieda tal-bżonn urġenti għal kultura ġdida ta’ mobilità sostenibbli u aktar responsabbli.
Dawn l-istudenti, taħt il-gwida ta’ edukaturi u professjonisti, ħadmu fuq produzzjoni ta’ filmati qosra b’messaġġ qawwi, kif inżommu l-bilanċ bejn il-mobbiltà, is-sigurtà, u s-sostenibbiltà. Il-kampanja indirizzat temi komuni bħall-użu tal-mowbajl waqt is-sewqan jew waqt li tgħaddi mit-triq, in-nuqqas ta’ tagħmir riflettiv waqt ġiri fit-triq, u r-riskji marbutin mal-użu ta’ headphones waqt l-eżerċizzju fiżiku. Din l-inizjattiva ma kinetx biss proġett edukattiv, iżda pjattaforma biex inħeġġu aktar żgħażagħ jagħtu l-kontribut tagħhom għall-ġid komuni.
Transport Malta tħares lejn dawn il-proġetti bħala investiment f’sens ta’ responsabbiltà ċivika u edukazzjoni attiva. L-edukazzjoni dwar il-mobbiltà sostenibbli tibda mill-għarfien u tkompli b’għodod prattiċi li jindirizzaw realtajiet li ż-żgħażagħ jiltaqgħu magħhom kuljum.
Din l-inizjattiva serviet mhux biss bħala pjattaforma ta’ komunikazzjoni għal Transport Malta, iżda wkoll bħala esperjenza ta’ taħriġ fil-ħajja reali għal dawn l-istudenti. Ħadmu fuq kampanja awtentika, minn kitba ta’ scripts sa produzzjoni tal-filmat, u daħħlu kreattività, enerġija u entużjażmu ġenwin f’kull pass.
Dan huwa wkoll mument ta’ sodisfazzjon għall-Awtorità, li qed tkun pjattaforma u punt tat-tnedija għall-ġenerazzjonijiet futuri li qed jieħdu sehem b’mod attiv f’dibattiti importanti bħall-mobbiltà addattiva, l-urbanizzazzjoni sostenibbli, u l-kultura ta’ edukazzjoni fit-toroq. Il-kwalità tax-xogħol li ħarġet minn din il-kollaborazzjoni kienet prova ċara li nistgħu nippromovu bidla soċjali b’ħarsa aktar moderna u mmexxija miż-żgħażagħ.
Filwaqt li Transport Malta tkompli tħares lejn futur aktar sigur u nadif, dawn l-inizjattivi huma wkoll riflessjoni ta’ kif l-Awtorità qed tuża l-komunikazzjoni b’mod strateġiku biex tinkoraġġixxi sens ta’ responsabbiltà soċjali.
Din hija wkoll estensjoni tal-viżjoni fit-tul tal-Awtorità. Li tappoġġja l-iżvilupp ta’ sistemi tat-trasport intelliġenti u rispettati, waqt li tinvesti fil-potenzjal uman li jgħinhom jiġu mplimentati.
Il-kampanja hija parti integrali mill-istrateġija nazzjonali dwar il-mobbiltà sostenibbli. Strateġija li tressaq ‘il quddiem it-talent, it-teknoloġija u l-edukazzjoni bħala pilastri ewlenin għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali.
Kull inizjattiva bħal din hija ġebla oħra fl-istruttura li Transport Malta qed tibni biex tgħaqqad il-futur tat-trasport mar-realtajiet tal-lum.
(Dan it-tagħrif twassal minn Transport Malta)